Għat-23 sena konsekuttiva, l-istudenti fl-iskejjel kollha lokali se jkunu parti minn L-istrina BOV Piggy Bank Campaign 2026.
Sena wara sena, l-istudenti u l-iskejjel madwar Malta u Għawdex jingħaqdu flimkien għal għan wieħed billi jagħtu donazzjoni żgħira ta’ flus li jkunu ġemmgħu f’ġest altruwistiku biex jgħinu persuni oħra li għaddejjin minn żmien diffiċli.
Din is-sena, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, se tkompli żżur l-iskejjel bħala parti minn din il-kampanja. Matul Ottubru, il-President se żżur 21 skola madwar Malta u Għawdex, kemm tal-Istat, kif ukoll tal-Knisja u indipendenti, bl-istudenti li se jkollhom iċ-ċans jistaqsu u jitkellmu mal-Eċċellenza Tagħha.
Matul is-snin, din il-kampanja li ssir b’kollaborazzjoni bejn il-Malta Community Chest Fund u l-Bank of Valletta saret parti integrali mill-mixja lejn L-istrina; fuq kollox il-kampanja tagħti opportunità lit-tfal u ż-żgħażagħ f’pajjiżna jkunu protagonisti f’ġest ta’ solidarjetà.
Il-kampanja ta’ din is-sena tnediet waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, indirizzata mill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, u li għaliha kienu preżenti wkoll il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, l-Onorevoli Byron Camilleri, ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza, l-Onorevoli Jerome Caruana Cilia, iċ-Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta Ernest Agius u rappreżentanti oħra tal-BOV, kif ukoll Kapijiet tal-iskejjel.
Fid-diskors tagħha, il-President Myriam Spiteri Debono fissret din il-kampanja bħala attività li tmur iktar ‘il bogħod mill-ammonti li jinġabru, “għaliex qed innisslu fit-tfal tagħna r-responsabbiltà lejn il-proxxmu.”
Il-President aċċennat kif id-donazzjoni tal-istudenti, żgħira kemm hi żgħira, “tkattar sens ta’ responsabbiltà ċivika għaliex tagħmlek konxju, anke jekk b’saħħtek fiżikament u mentalment, li madwarek hemm persuni li għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli u li lkoll kemm aħna għandna dover li ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura u jħossu waħdu.”
Il-Ministru Byron Camilleri qal li “din il-kampanja hija lezzjoni b’differenza. Lil uliedna qed ngħallmuhom li anke ġest żgħir jista’ jagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ ħaddieħor. Għax l-edukazzjoni mhijiex biss dwar dak li nitgħallmu fil-klassi jew il-karriera li nagħżlu ’l quddiem. Hija wkoll dwar il-valuri li nsawru fit-tfal tagħna u l-persuni li rriduhom isiru.”
L-Onorevoli Camilleri spjega li “s-suċċess ta’ din il-kampanja għalhekk ma jitkejjilx biss minn kemm jinġabar, iżda minn kemm jirnexxielna nrawmu f’uliedna s-solidarjetà, il-ġenerożità u r-responsabbiltà lejn xulxin. Għax il-valuri ma ngħallmuhomx biss bil-kliem, iżda billi nagħtu lit-tfal l-opportunità li jgħixuhom.”
Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Jerome Caruana Cilia ddeskriva l-Istrina BOV Piggy Bank Campaign bħala l-aqwa prova li l-edukazzjoni mhijiex biss tagħlim fil-klassi, iżda formazzjoni tal-karattru u ta’ valuri sodi li jsawru l-uliedna bħala ċ-ċittadini ta’ għada. Huwa appella biex l-iskejjel kollha, l-għalliema, il-ġenituri u fuq kollox it-tfal, jieħdu sehem f’din il-kampanja ta' altruwiżmu u inklussività, biex flimkien, nagħmlu differenza reali fil-ħajja ta' dawk li għandhom bżonn.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll miċ- Ernest Agius, Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta u Deputat Chairperson tal-Fondazzjoni BOV, li fisser kif “għal dawn l-aħħar 23 sena, il-kampanja L-istrina BOV Piggy Bank għenet biex it-tfal jitgħallmu l-valur tal-ġenerożità u l-importanza li jagħtu lura lis-soċjetà. Dan fl-istess waqt li qed tagħtihom l-opportunità li jikkontribwixxu għal kawża li tassew tagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħafna nies. Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn kontinwu tal-Bank of Valletta u tal-Fondazzjoni BOV biex inrawmu sens ta’ solidarjetà sa minn età żgħira u nibqgħu nappoġġjaw il-ġid tal-komunità.”
B’referenza għar-rispons pożittiv li rċeviet il-kampanja s-sena li għaddiet, is-Sur Agius żied jgħid li “l-mod kif it-tfal, il-familji u l-iskejjel madwar Malta u Għawdex iħaddnu din l-inizjattiva dejjem jimlina b’kuraġġ. Flimkien qed ngħinu lill-ġenerazzjoni żagħżugħa tifhem aħjar il-valur tal-ġenerożità, filwaqt li nappoġġjaw il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.”
Is-sena li għaddiet, l-istudenti li jattendu l-iskejjel madwar Malta u Għawdex ikkontribwixxew iktar minn €50,000 b’risq L-istrina, biex b’hekk inqabżet is-somma ta’ €3 miljun miġbura matul it-23 sena li ilha ssir L-istrina BOV Piggy Bank Campaign.